L-abbozzi #143 u #144 u l-avviżi legali proposti huma attakk dirett fuq id-demokrazija ta' Malta u l-ambjent. Jeqirdu s-salvagwardji, jxekklu l-oġġezzjonijiet, u jagħtu l-Awtorità tal-Ippjanar setgħa bla kontroll. Il-ħin biex nieħdu azzjoni hu issa!


L-Awtorità tal-Ippjanar u l-Ministru jkollhom setgħat bla qies — jaqbżu l-politiki eżistenti, ibbidlu l-għoli tal-bini, ibiddlu deżinazzjonijiet ODZ u saħansitra jattivaw permessi skaduti.


Politiki ġodda ma jkollhomx aktar għalfejn isegwu l-Pjani Lokali. Kull politika maħruġa mill-rieda tal-PA jew mill-Ministru se tingħata prijorità - anke jekk tikser l-oħrajn kollha.


Id-deċiżjonijiet tal-ippjanar mhux se jkollhom għalfejn iqisu l-impatti fuq l-ambjent jew kunsiderazzjonijiet sanitarji.


Id-dritt għall-appell jiġi ristrett sew. Tista’ tappella biss fuq punti tekniċi u legali mqajma waqt il-fażi tal-oġġezzjoni, filwaqt li l-applikazzjoni tkun għadha pendenti.


Il-pubbliku se jkollu biss 20 ġurnata ċans biex iressaq appell. Jekk l-appell jitqies 'frivolu', tista’ tiġi imposta multa ta’ €5,000 - mingħajr ma tkun tista’ tiġi kkontestatha.


Anke jekk l-appel jintrebaħ fil-qorti, il-permess ma jistax jiġi mħassar. Il-qorti tista biss tibgħat il-każ lura lit-Tribunal tal-PA stess, li mhuwiex indipendenti.


Jekk appell fil-qorti jdum aktar minn ħames xhur, kull ma jkun inbena wara dak iż-żmien se jsir awtomatikament legali.


L-hekk imsejħa "drittijiet vestiti" ġodda se jostakolaw lill-gvernijiet futuri milli jtejbu l-protezzjonijiet ambjentali kif jiddettaw iċ-ċirkostanzi.


Tribunal li mhuwiex indipendenti se jkollu setgħa diskrezzjonali kbira, inkluż l-abbiltà li jbiddel il-pjanijiet f'nofs il-proċess.


Kull tip ta' żvilupp illegali, inkluż f'żoni sensittivi bħall-ODZ u l-UCA, jew se jiġi regolarizzat jew se jingħata konċessjoni. Dan iwaqqaf kwalunkwe infurzar, u jagħmilhom de facto legali. L-ebda waħda mill-illegalitajiet imsemmija mhu se jkollha tikkonforma mal-politiki tal-ippjanar eżistenti.
Is-sejħa tal-kampanja biex dan il-pakkett leġiżlattiv allarmanti jiġi rtirat b'mod immedjat minn dejjem kienet akkumpanjata minn talbiet għal riforma ġenwina fl-ippjanar li l-għaqdiet ambjentali, komunitarji u agrikoli ilhom itennu għal snin sħaħ — riforma li tassew taqdi l-ħtiġijiet ta' pajjiżna u tal-poplu, u tindirizza l-isfidi tal-ippjanar li ilhom għaddejjin snin sħaħ.
Qed nippreżentaw erba' proposti ewlenin li għandhom jiffurmaw il-bażi ta' riforma ġenwina tal-ippjanar; erba' prinċipji fundamentali li jridu jkunu inklużi fi kwalunkwe riforma li għandha l-għan li taqdi l-ġid komuni u mhux l-interessi ta' ftit żviluppaturi.


Kull xogħol marbut ma'permess għall-iżvilupp għandu jkun sospiż waqt li jkun hemm appell għaddej quddiem it-Tribunal (EPRT) jew il-Qrati. Għandu jkun hemm limitu ta' żmien li fih jinqatgħu l-appelli, li jiżgura li l-każ jintemm mingħajr dewmien filwaqt li jkun hemm ċans biżżejjed sabiex il-partijiet ikkonċernati jippreparaw u jippreżentaw il-każ tagħhom.


Il-liġi għandha tiżgura li l-illegalitajiet jitneħħew fiżikament, b'limitu ta' żmien li fih għandhom jinqatgħu l-appelli minn deċiżjoniijiet ta' infurzar. Partijiet terzi għandhom jingħataw il-possibilità li jipparteċipaw fil-proċeduri tal-infurzar, u għandu jkun hemm one-stop-shop li jkun responsabbli minn każijiet ta' infurzar marbuta mal-imwejjed u s-siġġijiet kummerċjali, u l-istorbju.


Is-sanzjonar ta' strutturi illegali fl-ODZ li nbnew wara l-2008, u li ma jistgħux ikunu sanzjonati permezz ta' emenda minuri, għandu jkun projbit.


Artijiet ta' importanza agrikola, naturali, soċjali u storika, li ġew imneħħija mill-ODZ fl-2006, u li għadhom ma ġewx kommessi għall-iżvilupp b'permessi approvati, għandhom jerġgħu jidħlu fl-ODZ u jkunu protetti mill-kostruzzjoni.
Agħżel ir-rappreżentanti eletti fil-lokalità tiegħek mil-lista tal-MPs. Inħeġġuk tagħżel l-MPs kollha fil-lokalità tiegħek.
Imla ismek u n-numru tal-karta tal-identità. Aħna ma nżommux dawn id-dettalji; jintużaw biss biex timtela awtomatikament il-firma fl-aħħar tal-messaġġ.
Iċċekkja l-messaġġ li se jintbgħat lir-rappreżentanti eletti tiegħek, agħżel il-klijent tal-email (Gmail, Outlook, oħrajn) u ibgħat l-oġġezzjoni tiegħek kontra l-abbozzi tar-riforma tal-ippjanar.
Kull grupp f'Malta u Għawdex huwa mistieden japprova l-kampanja billi jibgħat email fuq info@gustizzjartna.org. Il-gruppi jistgħu jinkludu organizzazzjonijiet mhux governattivi, residenti, studenti, ħaddiema u bdiewa. Kull grupp li mhuwiex partiġġjan u li l-għanijiet tiegħu jaqblu mat-talbiet tagħna huwa mistieden jissieħeb..
L-abbozzi tar-riforma tal-ippjanar jippreżentaw ħakma sħiħa mill-iżviluppaturi - waħda li se tikkawża ħsara irreversibbli fis-sistema tal-ippjanar u fl-ambjent ta' pajjiżna.
Inħeġġu lill-pubbliku biex jipprepara għall-ġlieda li ġejja. Abbona mal-kommunita' WhatsApp tal-Moviment Graffitti biex tirċievi l-aħħar aħbarijiet u azzjonijiet.